Mill-istaġun li ġej klijenti tal-kumpanija GO se jkollhom l-opportunità li jaraw logħba waħda biss mill-Premiership Ingliż li tintwera fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar b’mod dirett.
Il-logħob l-oħra li jintlagħbu fl-istess ħin se jintwerew, madankollu dan se jsir wara li l-logħba tkun spiċċat, u b’mod irrikordjat fis-sitta u kwart.
Ir-raġuni għal dan hi li l-kumpanija GO kienet ordnata mill-English Premier League biex tikkonforma ma’ kull xandar ieħor madwar id-dinja u tosserva r-regoli marbuta max-xandir b’mod dirett jew irrikordjat tal-logħob tal-kampjonat Ingliż.
Fil-fatt, anke kumpaniji ewlenin fl-Ingilterra, fosthom Sky Sport u BT Sport, li huma x-xandara ewlenin tal-kampjonat Premier Ingliż, ukoll huma kostretti li jxandru 126 logħba minn total ta’ 168 . Hemm ukoll 212-il logħba li ma jixxandrux b’mod dirett fl-Ingilterra, u dawn jixxandru b’mod dirett f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Madankollu klijenti li tkellmu magħna spjegaw li huma ma kinux jafu b’dan it-tibdil qabel iffirmaw il-kuntratt mill-ġdid, uħud minnhom inqas minn xahar ilu.
Dan wassal biex xi wħud mill-klijenti għamlu lment formali mal-uffiċċju għad-Drittijiet tal-Konsumatur, fejn ilmentaw li qed jintlabu jħallsu €100 biex joħorġu mill-kuntratt li ffirmaw.
Minkejja dan jirriżulta li l-klijenti m’għandhomx dan id-dritt, għaliex fil-kuntratt li ffirmaw hemm miktub li t-terminazzjoni tal-kuntratt tista’ ssir jekk il-kumpanija tiddeċiedi li tieqaf ixxandar b’mod totali l-logħob minn kampjonat partikolari … xi ħaġa li GO mhix tagħmel.
Din il-bidla mhix mistennija taffettwa l-logħob mill-kampjonat Taljan tas-Serie A jew iċ-Champions League, li se jibqa’ jixxandar b’mod dirett kif sar matul l-istaġuni li għadda.
//= $special ?>