Lokali

AĠĠORNATA: Vapur tal-linja Grimaldi jidħol fil-Port il-Kbir wara dewmien ta’ diversi siegħat

Vapur tal-linja Grimaldi għamel diversi siegħat wieqaf sitt mili ‘l barra mill-kosta Maltija għal numru ta’ sigħat wara li ma ngħatax il-permess jittrakka fil-Port il-Kbir. Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon jirriżulta li l-vapur ma setax jidħol minħabba l-ħidma li qed issir biex tittella l-iskuna Angela Arcella li għerqet wara li ntlaqtet minn bastiment ieħor waqt li kienet sorġuta f’Xatt il-Laboratorju nhar it-Tlieta li għadda.

Il-problema nħolqot għaliex f’Xatt il-Laboratorju hemm l-uniku ‘corner berth’, jiġifieri l-post fejn vapur bħal tal-Grimaldi jista’ jniżżel ir-rampa tiegħu. L-alternattiva li ngħatat kien il-Freeport, li madankollu hemm kwistjonijiet li qed jiġu ndirizzati qabel il-vapur ikun jista’ jitrakka hemmhekk.

Eventwalment, il-vapur ingħata l-permess u trakka f’parti minn xatt il-Laboratorju, diversi siegħat wara l-ħin skedat.

Il-problema kienet pjuttost urġenti hekk kif minn informazzjoni li kiseb dan il-portal, il-vapur qed iġorr merkanzija li tinkludi annimali ħajjin, fosthom żwiemel u oġġetti li jispiċċaw, bħal ikel u xorb, li ovvjament ma jistgħux jinżammu abbord għal ħin twil.

Hemm ukoll affarijiet importanti fuq livell nazzjonali, fosthom gass li jintuża fl-isptarijiet lokali u li pajjiżna żgur ma jistax jgħaddi mingħajrhom li kieku l-problema baqgħet tkaxkar iktar fit-tul

Din hi l-ewwel darba f’għaxar snin li vapur tal-linja Grimaldi ma ngħatax permess jidħol f’pajjiżna.

Aktar kmieni…

Vapur tal-linja Grimaldi jinsab wieqaf sitt mili ‘l barra mill-kosta Maltija għal numru ta’ sigħat wara li ma ngħatax il-permess jittrakka fil-Port il-Kbir. Minn informazzjoni li għandu netnews.com.mt jirriżulta li l-vapur ma jistax jidħol minħabba l-ħidma li qed issir biex tittella l-iskuna Angela Arcella li għerqet wara li ntlaqtet minn bastiment ieħor waqt li kienet sorġuta f’Xatt il-Laboratorju nhar it-Tlieta li għadda.

Il-problema nħolqot għaliex f’Xatt il-Laboratorja hemm l-uniku ‘corner berth’, jiġifieri l-post fejn vapur bħal tal-Grimaldi jista’ jniżżel ir-rampa tiegħu. L-alternattiva li ngħatat kien il-Freeport, li madankollu hemm kwistjonijiet li qed jiġu ndirizzati qabel il-vapur ikun jista’ jitrakka.

Il-problema hi pjuttost urġenti hekk kif minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon, il-vapur qed iġorr merkanzija li tinkludi annimali ħajjin, fosthom żwiemel u oġġetti li jispiċċaw, bħal ikel u xorb, li ovvjament ma jistgħux jinżammu abbord għal ħin twil.

Hemm ukoll affarijiet importanti fuq livell nazzjonali, fosthom gass li jintuża fl-isptarijiet lokali u li pajjiżna żgur ma jistax jgħaddi mingħajrhom jekk il-kwistjoni tibqa’ għaddejja fit-tul.

Din hi l-ewwel darba f’għaxar snin li vapur tal-linja Grimaldi ma ngħatax permess jidħol f’pajjiżna.

Aktar aġġornamenti hekk kif jaslulna.