Internazzjonali

Għassa aktar mis-soltu f’Lourdes

Filwaqt li l-awtoritajiet madwar Franza ikkanċellaw numru ta’ avvenimenti tas-sajf minħabba tħassib dwar is-sigurtà, l-awtoritajiet fil-belt ta’ Lourdes – famuża għall-pellegrinaġġi u t-tours reliġjużi – huma ddeterminati li l-ħajja tkompli bħas-soltu.
Dan meta eluf ta’ devoti reliġjużi, bħal kull sena, qegħdin jaħsbu biex iżuru s-santwarji ta’ Lourdes għall-Festa ta’ Santa Maria,fil-15 ta’ Awwissu, u li hi waħda mill-aktar dati importanti fil-kalendarju għal din il-belt, lejn il-Lbiċ ta’ Franza.
Il-quddiesa u r-ritwali, f’Lourdes, għal Jum Santa Marija huma famużi madwar id-dinja u s-sigurtà f’din il-belt u l-madwar se tkun infurzata bir-reqqa sas-16 ta’ Awwissu.
Filwaqt li wieħed seta’ jifhem li kieku l-awtoritajiet iddeċidew li jħassru l-avveniment tat-Tnejn fid-dawl tal-qtil brutali riċenti ta’ qassis Kattoliku mill-ISIS fit-Tramuntana ta’ Franza, Beatrice Lagarde, il-Prefett tad-Dipartiment ta’ Hautes-Pyrenees, qalet li l-uffiċjali huma konvinti li l-pellegrinaġġ ta’ Lourdes irid ikompli bħas-soltu.
Lagarde sostniet li ‘l-awtoritajiet iddeċidew biex l-avveniment, il-purċissjoni u r-ritwali għall-Festa tal-Assunta jsiru bħal ma saru fil-passat, għaliex id-devoti għandhom id-dritt għall-aċċess lejn Lourdes’. Intant hi insistiet li għandu jsir minn kollox għall-ħarsien tas-sigurtà fil-belt qaddisa, meta bħalissa hemm preżenza ta’ gwardjani armati fis-santwarji.
Is-soltu, wieħed jista’ jasal f’Lourdes minn xi 12-il rotta, iżda r-rotot se jitnaqqsu għal tlieta biss waqt l-avveniment tal-Assunta, fil-15 ta’ Awwissu. Il-quddiesa l-kbira annwali għal din il-festa se ssir bħas-soltu fl-istess data, iżda waqt li, is-soltu, jattendu għaliha madwar 25,000 devot, l-ammont, din is-sena, jista’ jkun anqas, minħabba l-biża’ ta’ xi attakk terroristiku.