Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kabinett tiegħu għandhom diffikulta’ dwar lil min se jaħtru minflok Manfred Galdes, li rriżenja minn direttur tal-FIAU, l-aġenzija li kienet qed tinvestga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Żvelat dan il-gazzetta ‘Il-Mument’, li qalet li din id-diffikulta’ ġejja mill-fatt li persuni avviċinati sa issa, u li huma tal-fiduċja tal-Prim Ministru, ma aċċettawx li jimlew dan l-irwol delikat.
Il-Mument qalet li sorsi li tkellmu magħha qalu li dan kollu ġej għax l-istess persuni jifhmu li l-Gvern Laburista, aktar milli jħalliehom imexxu, jispiċċa jkun hemm okkażjonijiet fejn tista’ ssirilhom pressjoni fuqhom – jew inkella, xogħlhom ma jingħatax kas kif suppost ikun mistħoqq.
Ritratt: l-eks-Direttur tal-FIAU Manfred Galdes
Il-gazzetta Il-Mument fakkret li ir-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama kien preżentat lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar numru ta’ ġimgħat ilu, iżda minn dakinhar ma ttieħdu l-ebda passi.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat prova jagħti l-impressjoni li ma jkunx jaf bl-investigazzjonijiet li jsiru mill-FIAU. Minkejja l-impressjoni li pprova jagħti Muscat, il-Ministru Edward Scicluna kien qal fil-Parlament li kien jaf li kienet għaddejja investigazzjoni mill-FIAU.
Intant, għad mhux magħruf jekk il-Kummissarju Lawrence Cutajar, li ħa post Michael Cassar, hux se jkun qed jieħu passi dwar l-investigazzjoni li Manred Galdes kien għadda lill-Korp tal-Pulizija.
Aktar dettalji fil-gazzetta ‘Il-Mument’
//= $special ?>