Ix-xogħol fuq it-tanker tal-gass li se jkun sorġut fil-bajja ta’ Marsaxlokk mill-10 ta’ Settembru li ġej għadu mhux lest, minkejja li fis-sigħat li ġejjin ikun salpa minn Singapore fi triqtu lejn Malta. Għaldaqstant, ix-xogħol fuq dan it-tanker mistenni jkompli kif dan jidħol f’Marsaxlokk.
Dan kien żvelat mill-gazzetta Il-Mument, li qalet li suppliers lokali ta’ ċertu prodotti, fil-jiem li għaddew, intalbu jgħidu jekk humiex interessati li jagħmlu xi xogħol fuq dan it-tanker meta jirmiġġa f’Malta. Intalbu wkoll jgħidu jekk għandhomx ċertu prodotti u f’kemm-il kwantita’ biex ix-xogħol pendenti fuq dan it-tanker ikun jista’ jsir minnufih u jibqa’ għaddej.
Il-vapur, b’tul daqs tlett grounds tal-futbol, kien f’tarzna fis-Singapore fix-xhur li għaddew biex ikun konvertit f’tanker tal-gass. Jidher issa li ladarba jasal f’Malta, ix-xogħol fuqu se jkompli għaddej.
L-artiklu ta’ Il-Mument jgħid li sorsi li tkellmu magħha fissru li fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern kien qiegħed f’paniku minħabba li b’mod ripetut, il-miri tad-dati mħabbra mill-Prim Ministru Joseph Muscat ma ntlaħqux u marru żmerġ għall-aħħar.
It-tanker tal-gass se jibqa’ ankrat b’mod permanenti għal 18-il sena sħaħ, bil-gazzetta Il-Mument tgħid li f’dan l-isfond, Muscat ma qalx il-verita’ meta kien ikkwotat jgħid li dan it-tanker se jkun ankrat għal perjodu temporanju.
Dwar dan, NETnews.com.mt pprova jieħu l-kummenti ta’ Muscat, iżda bqajna mingħajr risposta.
Il-power station tal-gass li qed jibni l-Gvern, u li pajjiżna ma kellux bżonn, kellha tibda titħaddem f’Marzu tas-sena l-oħra iżda sa’ issa għadha ma tlestietx.
Aktar dettalji fil-gazzetta ‘Il-Mument’
//= $special ?>