Lokali

“L-iskyscraper f’Tas-Sliema huwa r-riżultat tal-politika ta’ Muscat” – Simon Busuttil

L-iskyscraper li l-Awtorità tal-Ippjanar tat il-permess biex jinbena f’Tas-Sliema huwa r-riżultat tal-politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan kollu huwa l-konsegwenza tal-politika ta’ Muscat fuq l-ambjent, inkluż l-ambjent urban. Issa, l-poplu Malti u Għawdxi jrid jiddeċiedi jaqbilx jew le ma’ din it-tip ta’ politika fejn kullimkien qed jinbena u l-flus jsiru l-alla ta’ kollox.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’kollegament telefoniku fuq Radio 101. Hu fakkar li f’ġurnata waħda, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permessi għall-bini ta’ 5 torrijiet – erbgħa fl-Imrieħel u wieħed f’Tas-Sliema. Il-vot dwar it-torri f’Tas-Sliema kien viċin ferm, tant li seba’ membri tal-Bord ivvutaw favur u sitta vvutaw kontra.

Simon Busuttil qal li tnejn mill-voti kontra dan it-torri kienu tal-Kunsill Lokali Nazzjonalista f’Tas-Sliema kif ukoll tar-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Ryan Callus. Minbarra dawn, ivvutaw kontra wkoll iċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll id-Deputat Chairperson. Minn naħa l-oħra, s-seba’ membri li vvutaw favur dan l-iskyscraper huma kollha magħżulin mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Madanakollu, dan il-vot ma rriflettix l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi li ma vvutax għaliex kien ma jiflaħx.

B’dak żvelat illum, qal Simon Busuttil, il-ħsieb tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kien pjuttost negattiv għaliex iċ-Chairperson ta’ din l-Awtorità ddeskriva l-istudji dwar l-impatt ta’ dan it-torri bħala sham – deskrizzjoni li tindika li kieku ċ-Chairperson kien preżenti, l-vot ma kienx jgħaddi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għandha tappella, l-istess kif qed jikkonsidra li jagħmel il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Hu sostna li din id-deċiżjoni turi li meta Muscat qasam il-MEPA u poġġa l-ippjanar għalih u l-ambjent għalih, l-ambjent ġie relegat fil-prijoritajiet u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi m’għandiex l-istess saħħa u vuċi li kellha qabel.

Simon Busuttil temm jgħid li hu ma jaqbilx mad-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna għaliex hija direzzjoni esaġerata li se tbiddel wiċċ pajjiżna b’mod li l-poplu Malti u Għawdxi ma jixtiequx.