Il-liġi li permezz tagħha twaqqfet l-Awtorita’ l-ġdida tal-Artijiet ma ntbgħatitx fl-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, biex jaraha l-Avukat Ġenerali u l-anqas ma ġew ikkonsultati l-esperti tal-Gvern dwarha.
Dan kien żvelat mill-gazzetta Il-Mument li nnutat li normalment, meta Gvern jgħaddi liġi, iqabbad lill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali biex jiktibha jew tal-anqas ikun konsultat dwar liġijiet ġodda – madanakollu dan ma seħħx għal-liġi li permezz tagħha twaqqfet l-Awtorita’ l-ġdida tal-Artijiet.
Il-Mument talbet l-opinjoni ta’ espert legali dwar dan il-punt, li qal li meta wieħed jara l-ħafna nuqqasijiet li fiha din il-liġi, wieħed ma jistagħġibx li ma ntbgħatitx għand l-Avukat Ġenerali għall-verifika.
Skont l-espert legali li tkellem ma’ Il-Mument, din il-liġi nkitbet minn tlett persuni, fosthom il-konsulent f’Kastilja Robert Musumeci. Sorsi oħra li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li t-tlett persuni li kitbu l-liġi, l-anqas biss talbu l-parir tal-esperti tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Il-Mument fakkret li dan imur kontra dak li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet ftit tal-ġimgħat ilu, meta fuq il-media qalet li din il-liġi nkitbet wara konsultazzjoni wiegħsa ħafna.
Il-Mument qalet li hija wkoll f’pożizzjoni li tiżvela li l-konsultazzjoni kienet biss ma’ persuni li għandhom jitqiesu bħala kompetituri tal-Gvern, jiġifieri nies mill-qasam tal-kostruzzjoni li jista’ jkollhom interess fl-artijiet tal-Gvern.
Aktar dettalji fil-gazzetta ‘Il-Mument’
//= $special ?>