Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jistgħu jaċċettaw parir biex jevitaw lill-Parlament Ewropew li dalwaqt se jkun qed jibda jinvestiga l-iskandlu tal-Panama.
Il-gazzetta Il-Mument żvelat li aktar ma jgerbu l-ġimgħat, is-sitwazzjoni se ssir aktar imbarazzanti għal Konrad Mizzi u għal Keith Schembri. Skont sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument, hemm min hu tal-fehma li dawn it-tnejn jistgħu jibgħatu terzi persuni, bħal per eżempju avukati rappreżentattivi, quddiem il-Kumitat ta’ Inkjesta fi ħdan il-Parlament Ewropew li se jkun qed jinvestiga l-iskandlu – u dan biex kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri, jevitaw li jidhru huma quddiem il-Parlament Ewropew.
Kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija.
Il-Mument qalet li sa’ issa, għadhom ma rċevew l-ebda talba uffiċjali biex jidhru quddiem dan il-Kumitat ta’ Inkjesta. Madanakollu, ladarba tkun iffissata d-data preċiża meta dawn se jintalbu jidhru quddiem dan il-kumitat tal-Parlament Ewropew, huma mbgħad jirċievu n-notifiki relatati.
Il-Mument ippubblikat kummenti ta’ Sven Giegold, MEP Ġermaniż, li qal li l-iskandlu tal-Panama wassal għal sitwazzjoni imbarazzanti għal Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu. Hu ddeskriva l-iskandlu tal-Panama f’Malta bħala “froġa” u żied li Malta jeħtieġ li titnaddaf u timxi b’serjeta’.
Kienu ppubblikati wkoll kummenti tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa li qal li l-attentat tal-Prim Ministru biex jipprova jgħatti l-iskandlu tal-Panama Papers, la niżel tajjeb mal-poplu u l-anqas ma’ Brussell.
Aktar dettalji fil-gazzetta ‘Il-Mument’
//= $special ?>