Lokali

“Sightseeing” ta’ Malta wara li neħħew rotta iqsar li titlaq minn Paceville

Persuni li kienu jaqbdu r-rotta N71 ta’ billejl minn Pacevilel qed ikollhom iqattgħu madwar siegħa “sightseeing” madwar Malta wara li din tneħħiet. Minflok ġiet introdotta rotta itwal u li qed toħloq inkonvenjent għall-pubbliku.

Persuna li tuża s-servizz tat-trasport pubbliku u li ntlaqtet minn din id-deċiżjoni spjegat fuq il-media soċjali li r-rotta N71 kienet “raġonevoli” peress li kienet twila 18-il kilometru. F’madwar nofs siegħa, ir-rotta kienet tgħaddi mill-mini ta’ Santa Venera, tmur Triq Aldo Moro, titla’ Raħal Ġdid lejn Santa Luċija, Ħal-Luqa, l-Ajruport, Ħal Kirkop, sakemm tinżel fil-pjazza ta’ Ħal Safi.

Madanakollu, ir-rotta N71 tneħħiet u minflok, persuni li jkunu jridu jaslu Ħal Safi jridu jaqbdu r-rotta N10, li minflok Santa Luċija tgħaddi mill-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Bir id-Deheb sakemm terġa’ titla’ Raħal Ġdid, fejn minn hemmek tkompli lejn Santa Luċija, Ħal-Luqa, l-Ajruport, sakemm tinżel fil-pjazza ta’ Ħal Safi.

Bit-tneħħija tar-rotta N71 u l-introduzzjoni tar-rotta N10, ir-rotta twalet bid-doppju.

“Flok 30 minuta, il-vjaġġ sar xi siegħa, inkluż kwarta mixja għal Ħal Safi” ilmentat persuna li kienet tuża r-rotta N71. “Ftit mixi personalment ma jdejjaqnix, imma wara lejl barra nkun nixtieq immur dritt id-dar mhux nagħmel sightseeing ta’ nofs Malta u xorta nibla’ mixja,” qalet din il-persuna.

“Flok ma jagħmlu 2 rotot separati, jippruvaw jaqdu aktar irħula f’rotta waħda unika u jiskomodaw lill-oħrajn b’detour bla sens għall-aħħar,” temmet tgħid din il-persuna.