L-awtoritajiet fi New York, fl-Istati Unti, spiċċaw jagħlqu sezzjoni tal-ajruport ta’ JFK wara li daħlulhom rapporti dwar sparatura, li nzertaw li kienu foloz.
Jaħsbu, intant, li l-‘għajjat u t-tisbit’ tan-nies li, matul il-lejl li għadda, kienu qegħdin jaraw l-Olimpjadi fis-sit, setgħu kienu interpretati bħala ħsejjes ta’ tiri fiz-zona.
Ingħalqu tnejn minn fost is-sitt terminals tal-JFK, flimkien ma’ triq li tagħti għall-ajruport inkwistjoni. Dan fost l-intervent tad-Dipartiment tal-Pulizija tan-New York, b’numru ta’ titjiriet mit-terminals jispiċċaw jaqgħu lura fl-iskeda. L-aħħar rapporti sostnew li ma weġġa ħadd ‘waqt it-tensjoni’ u li ma saru l-ebda arresti.
Dan wara li l-Port Authority ta’ New York u New Jersey kien irrefera għal ‘sparar’ f’Terminal Eight, b’rapporti simili joħorġu fir-rigward ta’ Terminal One.
Iż-żewġ terminals spiċċaw evakwati min-nies, bit-titjiriet sussegwenti jitwaqqfu għal aktar minn siegħa.
Ma naqsux, intant, mumenti ta’ paniku, meta, fl-aktar mumenti drammatiċi, in-nies kienu infurmati mill-awtoritajiet biex ‘jinżlu mal-art u jistkennu wara kull ħaġa li jsibu’.
Ftit wara t-twissija, jidher li l-passiġġieri qabdu u taw salt lejn il-bibien tal-ħruġ.
Kelliema għad-dipartiment tal-pulizija mal-Port Authority, ‘il quddiem, sostnew li tfittxija fit-terminals ma żvelat ‘l-ebda armi tan-nar, munizzjon jew provi oħra li kienu sparati xi tiri’.
//= $special ?>