Lokali

Bil-kuntratt ma’ TM, il-GWU se ġġib prezz il-binja f’Raħal Ġdid fi tliet snin u nofs

Fil-ġimgħat li għaddew, Transport Malta ċaqilqet l-uffiċini tagħha lejn it-torrijiet ta’ faċċata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li huma proprjetà tal-GWU. Il-ħaddiema ta’ Transport Malta bdew jaħdmu minn dawn l-uffiċini ġodda, waqt li bosta servizzi li toffri Transport Malta bdiet toffrihom minn din il-binja.

Is-sid ta’ din il-binja huwa l-GWU, li minn dan id-deal qed idaħħal mal-€500,000 fis-sena. Skont it-tender li kien ħareġ u li ngħata lill-GWU, il-binja kellha tibda tilqa’ l-ħaddiema fiha f’Settembru 2014 – jiġifieri 20 xahar ilu – iżda l-proċess beda biss fil-ġimgħat li għaddew. Il-binja tikkonsisti f’żewġ sulari u car park taħt l-art, u ngħatat lill-GWU minkejja li ma kenitx l-irħas fis-sejħa għall-interess.

Il-binja kienet inxtrat mill-GWU fl-2010 għas-somma ta’ €1.7 miljun, li jfisser li l-GWU se tkun għamlet tajjeb għal din l-ispiża b’kirja ta’ tliet snin u nofs lill-Gvern.

F’April, The Times of Malta kienet żvelat li Transport Malta ċaħdet talba, skont il-Freedom of Information Act, biex jiġi ppubblikat il-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-GWU, u dan minkejja li qed jintużaw fondi pubbliċi li qed imorru fil-kontijiet tal-GWU. L-istess talba kienet saret ukoll fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, iżda l-Ministru Joe Mizzi baqa’ jinsisti biex dan il-kuntratt ma jiġix ippubblikat.

Din il-kirja mhux l-uniku waħda kontroversjali, għaliex l-Awditur Ġenerali, f’Ottubru li għadda, kien sab li l-kirja tal-bini tal-GWU fil-Belt Valletta lill-ARMS hija illegali u ta l-parir li l-Gvern idaħħal lill-Union il-Qorti dwar dan il-ksur ta’ kuntratt – xi ħaġa li għaxar xhur wara, l-Gvern għadu m’għamilx.