Internazzjonali

Il-Libja: Tkompli l-pressjoni fuq l-ISIS f’Sirte

Il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-għaqda nazzjonali komplew javvanzaw fuq it-terroristi tal-ISIS li kienu qed jokkupaw inħawi fil-belt ta’ Sirte. Dan meta l-qawwiet qegħdin jistinkaw biex jeliminaw it-theddida tal-ISIS fil-Libja, bit-terroristi jispiċċaw jiddefendu z-zoni residenzjali qrib il-kosta ta’ Sirte.

Il-qawwiet Libjani ilhom minn Mejju għaddejjin b’offensiva biex iqaċċtu lill-ISIS minn Sirte, li l-inħawi tagħha huma sinonimi mal-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi li kien spiċċa maqtul lejn l-aħħar tal-gwerra ċivili tal-2011 fil-Libja. L-offensiva qed issir fost tħassib li l-ISIS jistgħu jużaw Sirte bħala bażi minfejn jattakkaw pajjiżi tal-Ewropa ftit mijiet ta’ kilometri ‘il bogħod mil-Libja. Dan meta magħruf li l-ISIS anki waqqfu ċentri f’Sirte għat-taħriġ ta’ militanti.

Fl-aħħar jiem, il-qawwiet tal-Gvern Libjan irnexxielhom ikeċċu lill-ISIS minn pożizzjonijiet importanti u strateġiċi fiċ-ċentru ta’ Sirte u korrispondenti barranin li daru xi zoni tal-belt qalu li dawn il-qawwiet qegħdin iżidu l-pressjoni fuq l-ISIS fost appoġġ mill-qawwiet tal-ajru Amerikani.

Għalissa, xi distretti residenzjali qrib il-waterfront ta’ Sirte huma ddikjarati bħala zoni ta’ battalja u mistenni li l-avvanzi fuq l-ISIS fil-Libja jkomplu għaddejjin fil-jiem li ġejjin.