Ir-Rotunda tal-Mosta, li s’issa kienet Knisja Arċipretali u Santwarju, se tibda vjaġġ bit-tama li l-Papa Franġisku japprova t-titlu ta’ Bażilika, liema titlu jingħata lil knejjes kbar u ta’ importanza bi drittijiet ċerimonjali speċjali.
Is-sena li għaddiet l-Arċisqof Charles J. Scicluna kien diġa ta l-approvazzjoni tiegħu biex jibdew it-tħejjijiet, u issa b’mod uffiċjali ħabbar li l-applikazzjoni għat-titlu ta’ Bażilika waslet biex tiġi ppreżentata lis-Santa Sede.
L-Arċisqof ħabbar dan fost l-applaws tal-poplu Mosti li attenda bi ħġaru għall-Pontifikal tal-Assunta t-Tnejn filgħodu. Dan wara li fil-15 t’Awwissu tas-sena li għaddiet, l-istess Arċisqof kien ħabbar li se jibda jiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija mir-Rotunda ta’ kull sena.
Kien propju wara l-omelija tas-sena li għaddiet, li l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar formalment talab il-permess tal-Arċisqof biex jibda l-proċess għall-applikazzjoni tat-titlu Bażilika, bl-Arċisqof Scicluna japprova dan dak il-ħin stess.
Hekk kif issa wieħed irid jistenna l-proċess biex ikun magħruf jekk it-talba għat-titlu ta’ bażilika lir-Rotunda tal-Msota hix se tintlaqa’ mill-Papa, l-Arċisqof Scicluna stieden lil dawk preżenti għat-talb bit-tama li dan it-titlu prestiġġjuż jingħata lill-poplu Mosti.
//= $special ?>