L-allegazzjonijiet fil-media Taljana li l-kaptan tal-vapur Maria kien fuq it-telefon meta seħħet il-ħabta tal-ġimgħa li għaddiet f’Xatt il-Laboratorju fil-Port il-Kbir hi fabbrikazzjoni totali.
Sostniet dan Ann Fenech, li qed tirrapprezenta lis-sidien Ġermanizi tal-bastiment Maria f’kummenti ma’ netnews.com.mt
Kien nhar it-Tlieta li għadda waqt li kien se jittrakka ma’ Xatt il-Laboratorju li l-bastiment Maria sofra ħsara teknika bil-konsegwenza li ħabat mal-iskuna Angela Arcella li kienet sorġuta mal-moll, li mad-daqqa inqalbet u għerqet. Il-bastiment laqat ukoll bastiment ieħor bl-isem Union, li mad-daqqa qata’ ċ-ċimi u għal xi ħin spiċċa f’nofs il-port.
Ann Fenech qalet li ma tistax tifhem fuq xiex il-media Taljana qed tibbaża dawn l-allegazzjonijiet meta hemm tliet sorsi differenti li jgiddbu għal kollox din il-verżjoni; il-voyage data recorder tal-vapur (il-verżjoni navali tal-kaxxa s-sewda fuq l-ajruplani), it-trażmissjonijiet mal-Valletta Port Control kif ukoll ix-xhieda tal-pilota li jkun abbord biex jassisti l-Kaptan biex jimmanuvra l-bastiment fil-Port.
Hi spjegat li meta l-Kaptan ta l-kmand biex il-makni jirriversjaw, żviluppat ħsara u l-vapur baqa’ miexi ‘l quddiem. Mal-ħabta mal-Angela Arcella, il-makni ħadu l-kmand originali u l-vapur saq lura għall-fuq il-Union.
Inġinieri tal-kumpanija Wartsila, li ssupplixxiet il-magni tal-bastiment Maria, ġew Malta u ċċertifikaw li fil-fatt żviluppat ħsara f’dawk li jissejjħu bħala pitch propellers li jikkontrollaw id-direzzjoni tal-iskrejjen.
Hi qalet li s-sidien huma dispjaċuti għall-mod kif il-media fl-Italja qed tigdeb b’din il-manjiera fil-konfront tagħhom dwar dan l-inċident.
Sadanittant, il-ħidma sabiex l-Angela Arcella tittella’ minn Xatt il-Laboratorju qed tieħu t-tul iktar milli mistenni. Oriġinarjament, il-vapur kien mistenni li jittella’ l-Ħadd li għadda iżda l-ħidma għadha għaddejja.
//= $special ?>