Tip ta’ logħob tan-nar li jikkaġunaw l-isplużjonijiet u li magħrufa bħala bangers ikkaġunaw paniku kbir f’belt mal-kosta tal-Mediterran; b’ħafna nies jitilqu jiġru wara li ħasbu li kienu qed ikunu attakkati ‘minn terroristi’.
Weġġgħu l-għexieren tan-nies fl-inċident inkwistjoni, fost rapporti li wħud (sal-bieraħ) kienu għadhom qed ikunu trattati fl-isptarijiet tal-inħawi.
Xahar biss wara l-attakk terroristiku f’Nizza fejn raġel kien saq trakk għal ġo folla nies waqt Jum Bastilja u qatel 85 persuna, il-folol – magħmul minn turisti u residenti lokali – li kienu qed iduru f’Juan-les-pins, ħasbu li l-ħsejjes tal-logħob tan-nar partikulari kienu ‘sparar’ , bir-riżultat li ħafna minnhom indarbu fir-rassa u l-konfużjoni.
Ir-ritratti u filmati mill-inħawi li ntbagħtu online urew l-imwejjed imqallbin barra l-kafeteriji li, f’ċirkustanzi differenti, kienu jkunu mimlijin bin-nies qed jiddevertu waqt lejla sajfija tipika fir-resort ta’ Juan-les-pins. Jidher ukoll li l-bangers, jew firecrackers inkwistjoni, kienu ntefgħu minn vettura li kienet għaddejja mill-inħawi.
Illum, ir-residenti fl-ibliet u l-villaġġi ta’ Franza huma ansjużi u fuq ix-xwiek ‘għal dak li jista’ jinqala’. Intant, żdied il-livell tas-sigurtà fl-inħawi u kellhom jitħassru xi avvenimenti għall-pubbliku wara sensiela ta’ attakki terroristiċi li spikkaw fil-pajjiż, f’dawn is-sentejn.
//= $special ?>