Ikomplu joħorġu iktar rabtiet f’dik li kulma jmur qed tieħu forma ta’ xibka jew għanqbuta, li tinkludi lill-Ministru Konrad Mizzi, il-konsorzju li qed jibni l-power station u l-kumpanija Nexia BT.
Il-ġurnal Times of Malta jiżvela li Nexia BT, l-istess kumpanija li assistiet lill-Ministru Konrad Mizzi jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, intgħażlet mill-istess Konrad Mizzi sabiex tagħti pariri lill-Gvern fuq il-power station il-ġdida.
Fl-istess żmien, l-istess Nexia BT inħatret bħala awditur ta’ GEM Holdings – li tinkludi lill-Grupp Gasan u Tumas Group – u li hu parti mill-konsorzju Electrogas li qed jibni l-Power Station.
Fi kliem ieħor, Nexia BT huma nvoluti kemm man-naħa tal-Gvern kif ukoll man-naħa tal-kuntrattur.
Meta ikkuntattjat mill-ġurnal, kelliem għal Nexia BT ikkonferma l-involviment tal-kumpanija kemm mal-Ministeru kif ukoll mal-konsorzju iżda ċaħad li hemm kunflitt ta’ interess għaliex Nexia BT inħatret bħala awditur ta’ GEM Holdings wara li l-konsorzju ingħata l-proġett.
Minbarra r-rwol li tagħti pariri lill-Gvern dwar il-proġett u r-rwol ta’ awditur għall-interessi Maltin fil-konsorzju Electrogas, Nexia BT ingħatat ukoll direct order ta’ madwar €40,000 mill-Enemalta sabiex tassisti fil-proċess tal-applikazzjoni għall-permessi tal-power station.
Kif żvelat mill-Panama Papers, ftit wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Nexia BT avviċinat lil Mossack Fonseca dwar il-possibilita’ li tiftaħ kumpaniji fil-Panama u Trusts fi New Zealand għan-nom tal-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll għan-nom ta’ Keith Schembri, Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Nexia BT huma wkoll l-awdituri tan-negozji tal-Grupp Kasco, in-negozju ta’ Keith Schembri.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-ġurnal Times of Malta żvela li minn Marzu 2013 sa issa, Nexia BT u sussidjarji tagħha ingħataw iktar minn €700,000 f’kuntratti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u entitajiet li jaqgħu taħt il-kontroll tal-Ministru Konrad Mizzi.
//= $special ?>