Qawwiet tal-Peshmerga Kurdi fit-Tramuntana tal-Iraq qed jattakkaw numru ta’ villaġġi kkontrollati mill-ISIS, bħala parti mill-isforzi biex huma jieħdu lura l-belt prinċipali ta’ Mosul minn idejn it-terroristi.
Il-Ġeneral tal- Peshmerga, Fareeq Kurdi, sostna li l-qawwiet tiegħu riedu jiċċirkondaw lill-militanti tal-ISIS ‘u jattakkawhom minn diversi naħat’. Dan meta l-qawwiet Kurdi kienu rrappurtati li lliberaw medda sostanzjali ta’ territorju.
Il-belt ta’ Mosul hi l-akbar ċentru urban taħt il-kontroll tal-ISIS u l-uffiċjali Iraqqin jinsistu li jekk il-qawwiet tagħhom jieħdu lura l-kontroll fl-inħawi, dan, effettivament, ikun ifisser ‘it-telfa tal-ISIS fl-Iraq’.
Kmandanti tal-Peshmerga, issa, sostnew li t-truppi tagħhom ħadu lura almenu 11-il villaġġ, fost indikazzjonijiet ta’ appoġġ mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni anti-ISIS, taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti.
Il-liberazzjoni tal-villaġġi mit-terroristi tfisser anki t-twaqqif ta’ buffer zone li tħares lill-ibliet Iraqqin ikkontrollati mill-Kurdi minn attakki tal-ISIS.
Iżda l-azzjonijiet, fuq kollox, huma parti mill-‘offensiva finali’ intiża biex l-aħħar elementi tal-ISIS jitkeċċew jew ikunu eliminati f’Mosul, li kienet waqgħet lit-terroristi f’Ġunju tal-2014.
//= $special ?>