Internazzjonali

Teħel il-ħabs għall-ħtif ta’ tifla, 19 il-sena wara

Qorti fil-belt ta’ Cape Town, fl-Afrika t’Isfel, ikkundannat mara għal għaxar snin ħabs talli kienet ħatfet tarbija minn sodda ta’ sptar u rabbietha daqslikieku kienet tagħha.

Il-każ, li qajjem interess kbir fil-pajjiż, imur lura 19-il sena, meta l-mara, li llum għandha 51 sena, kienet spiċċat arrestata, is-sena l-oħra, wara li n-nies indunaw bix-xebħ inkredibbli bejn ‘bintha’ u tfajla oħra li kienet tattendi l-istess skola tagħha.
Iż-żewġ tfajliet kienu suġġetti għal provi tad-DNA mill-Pulizija li, min-naħa tagħhom, ikkonfermaw li dawn huma aħwa.

Il-ġenituri bijoloġiċi tat-tfajla, Celeste u Morne Nurse, kienu semmewha Zephany, iżda l-isem li hi trabbiet bih mhux qed ikun żvelat, bl-iskop li l-identità u l-privatezza tagħha ikunu rrispettati. Lanqas ma ssemma isem il-mara li ħatfet lil Zephany bħala tarbija, b’dan ikun deċiż għal raġunijiet simili.

L-istampa lokali, qabel, kienet irrappurtat li Zephany ma xtaqitx li jkollha relazzjoni mal-ġenituri bijoloġiċi tagħha meta hi tikkunsidra l-mara li ħatfitha bħala ‘il-vera ommha’.

Zephany, issa, iddeċidiet li tkompli tgħix mar-raġel tal-mara kkundannata mill-qorti. Intant, din il-mara kienet infurmata mill-imħallef li għaddielha s-sentenza li hi, b’azzjonitha, ‘ittradiet lit-tifla inkwistjoni’. L-imħallef innota wkoll li ‘il-mara kkundannata kellha ż-żmien kollu li riedet biex tirritorna t-tifla lill-ġenituri proprji tagħha, iżda għażlet li ma tagħmel xejn minn dan’.