Internazzjonali

Ajruplani tar-Russja jużaw l-Iran biex jattakkaw lill-militanti fis-Sirja

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li l-qawwiet tal-ajru ta’ pajjizu, fl-aħħar sigħat, użaw bażi fl-Iran biex jattakkaw lill-militanti Iżlamiċi fl-inħawi tas-Sirja.

L-istqarrija qalet li numru ta’ jet-fighters u bombers Russi għal fuq id-distanzi twal, inklużi tat-tip Tupolev-22M3, telgħu mill-bażi Iranjana ta’ Hamedan biex jikkonċentraw fuq il-militanti fil-provinċji Sirjani ta’ Aleppo, Idlib u Deir al-Zour.

Din, x’aktarx, hi l-ewwel darba li r-Russja użat pajjiż ieħor bħala bażi minfejn setgħet tattakka miri speċifiċi fis-Sirja mindu Moska, is-sena l-oħra, bdiet il-kampanja militari b’appoġġ għall-President Sirjan Bashar al-Assad.

L-Iran, sadanittant, hu l-akbar alleat tas-Sirja fir-reġjun waqt li ipprovda appoġġ sinifikanti, minn lat militari u finanzjarju, lir-reġim ta’ Assad. Dan mindu r-ribelli, fl-2011, mexxew ir-rewwixta kontra Assad li żbruffat fil-konflitt ċivili attwali.

Fl-aħħar xhur, uffiċjali ewlenin tar-Russja u l-Iran iddiskutew il-mezzi biex jistimolaw il-kooperazzjoni militari. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, ir-Russja talbet biex l-Iran u l-Iraq jippermettu sitwazzjoni fejn il-missili cruise ikunu sparati mill-ispazju tal-ajru tagħhom għal waqt attakki speċifiċi fuq il-miri tat-terroristi fis-Sirja.

Intant, l-aħħar stqarrija mill-Ministeru tad-Difiża Russu qalet li l-attakki mill-ajru tal-bieraħ fuq is-Sirja qatlu ‘numru kbir ta’ militanti’ f’dan il-pajjiż.

Ingħad li l-attakki rriżultaw fil-qerda ta’ ħames imħażen kbar mimlijin bl-armi, il-munizzjon u l-fuel, meta, fl-istess ħin, inqerdu kampijiet għat-taħriġ tal-ġellieda Iżlamiċi fil-provinċji ta’ Aleppo u Idlib. Il-Ministeru Russu, imbagħad, sostna li wħud mill-qawwiet tal-ajru kkonċentraw fuq tliet ċentri tal-kmand fil-provinċja Sirjana ta’ Deir al-Zour u li dawn ukoll spiċċaw milquta.