Lokali Saħħa

Bla servizz ta’ Ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta wara li ilhom jistennew l-uniformi aktar minn sena

Il-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN) ordnat lill-infermieri li jaħdmu fis-sezzjoni tal-ambulanza fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta biex ma jagħtux servizz ta’ ambulanza mill-5 ta’ waranofsinhar ‘il quddiem.

L-azzjoni industrijali daħlet fis-seħħ nhar is-Sibt li għadda wara li madwar 8 infermieri li jaħdmu fis-sezzjoni tal-ambulanza fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta ilhom jistennew l-uniformi aktar minn sena.

F’ittra li ntbgħatet lid-Direttur tan-Nursing Services Isabelle Aquilina, l-MUMN qalet li kull m’hi qed titlob hu li l-infermieri jingħataw 2 tops u 2 qliezet kull wieħed. Madanakollu, ma’ NETnews.com.mt, il-President tal-MUMN Maria Cutajar ikkonfermat li minn meta daħlet fis-seħħ id-direttiva, għad ma kien hemm l-ebda reazzjoni mill-awtoritajiet.

Filwaqt li l-infermieri fit-taqsima tal-ambulanza taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta ilhom jistennew l-uniformi għal aktar minn sena, infermiera fl-istess taqsima taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid ingħataw l-uniformi fi ftit ġranet. Raħal Ġdid huwa parti mid-distrett li fih jikkontesta l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.