Azzjonijiet industrijali li ddaħħlu fis-seħħ mill-UĦM fl-aħħar ta’ Lulju li għadda, fejn podjatristi mhumiex qed joffru ċertu servizzi fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Gvern, għadhom għaddejjin.
Podjatristi li jaħdmu fil-qasam tal-kura primarja m’humiex jieħdu appuntamenti ġodda, mhumiex jaraw każijiet ġodda ħlief f’każijiet urġenti, mhumiex jagħmlu xogħol amministrattiv u klerikali u mhumiex jagħtu kura paljattiva ħlief f’ċertu eċċezzjonijiet.
L-azzjonijiet industrijali kienu ordnati wara li l-Gvern ma daħħalx fis-seħħ ftehim li kien iffirmat madwar sena ilu dwar numru ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tal-podjatristi. Fost oħrajn kien intlaħaq qbil li jkunu introdotti ‘health-assistants’ għall-podjatristi fiċ-ċentri tas-saħħa, kif ukoll biex tibda tinħoloq lista ta’ appuntamenti ta’ 30 minuta għal ċertu każijiet partikolari, minflok appuntament ta’ 15-il minuta kif isir bħalissa.
Madanakollu, minkejja li għaddiet kważi sena, il-ftehim għadu ma mmaterjalizzax. Xahar ilu, il-UĦM irreġistrat tilwima industrijali u wara ħabbret l-azzjonijiet industrijali – madanakollu sal-lum, il-Gvern għadu ma daħħalx fis-seħħ il-ftehim li kien sar mal-UĦM sena ilu dwar il-podjatristi.
NETnews irċieva numru ta’ telefonati minn pazjenti li qed jintlaqtu minn dawn l-azzjonijiet industrijali, li qed jistaqsu għaliex se jkollhom iħallsu biex jinqdew mill-privat meta l-istess servizz jista’ jiġi pprovdut mill-Gvern.
//= $special ?>