Internazzjonali

Diplomatiku tal-Korea ta’ Fuq ‘jaħrab’ minn Londra

Sorsi qrib il-BBC News qalu li diplomatiku li kien residenti fl-Ambaxxata tal-Korea ta’ Fuq f’Londra, telaq mir-Renju Unit lejn pajjiż ieħor.

Rapporti mill-Korea t’Isfel, intant, qalu li d-diplomatiku, proprju dan ix-xahar, ħarab mill-ambaxxata f’Ealing, fil-punent ta’ Londra, bl-intenzjoni li jsib kenn ‘f’tielet pajjiż’.

Jingħad li d-diplomatiku kien dam għaxar snin jgħix fir-Renju Unit flimkien ma’ martu u l-familja. Intant, ma kien hemm l-ebda kumment dwar ‘il-ħarba’ mill-Ambaxxata tal-Korea ta’ Fuq inkella mill-Foreign Office ta’ Londra.

Madankollu, il-gazzetta JoongAng Ilbo, tal-Korea t’Isfel, qalet li ‘diplomatiku tal-Korea komunista, bħalissa, għaddej bi proċeduri biex ifittex kenn politiku f’tielet pajjiż wara li kien ilu s-snin residenti fir-Renju Unit’. Ir-rapport ikompli li t-tielet pajjiż, f’dan il-kuntest, ifisser ‘Stat ieħor minbarra l-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel’.

Jekk kemm il-darba tkun ikkonfermata l-ħarba tad-diplomatiku, il-każ jista’ jiżvolġi bħala wieħed embarazzanti ferm għar-reġim komunista fi Pyongyang.