Lokali

Eluf mexjin lejn il-faqar u eluf oħra jinsabu f’riskju ta’ faqar – L-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti

F’artiklu fuq The Times of Malta, l-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti Carmel Mallia spjega kif eluf mexjin fid-direzzjoni tal-faqar u eluf oħra jinsabu fir-riskju tal-faqar. Nittama, li l-Gvern li jisma’, qal Carmel Mallia, jisma’ verament, u mill-kliem jgħaddi għall-azzjoni.

L-akbar uġiegħ ta’ ras għall-pensjonanti hija ż-żieda regolari fl-prezzijiet tal-ikel u s-servizzi. Ikel ta’ kull tip, fosthom affarijiet mingħand tal-grocer, ħaxix u frott, laħam u ħut. Ġie spjegat ukoll li l-pensjonanti qed isibu li spejjeż relatati ma’ manteniment tad-dar, appliances tad-djar, manteniment tal-karozza, liċenzji u insurance huma għoljin wisq, tant li l-pensjonanti ma jifilħux iħallsuhom. Dan minbarra spejjeż regolari fuq mediċini li huma piż finanzjarju kbir fuq nies anzjani.

Carmel Mallia jsemmi wkoll il-prezzijiet l-kera li għolew b’mod esaġerat. F’din is-sitwazzjoni prekarja, qal l-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti, il-Gvern għandu jintervjeni kmieni kemm jista’ jkun biex idaħħal fis-seħħ mekkaniżmu li jassigura li l-ġid li jinħoloq jitqassam b’mod ġust, inkluż ma’ dawk vulnerabbli, fqar jew fir-riskju tal-faqar.

F’isem l-Alleanza, Carmel Mallia għamel ukoll numru ta’ proposti, fosthom li d-dħul minimu ta’ żewġ persuni għandu jiżdied għal €221 fil-ġimgħa. Għandu jkun hemm ikuoll indiċi ta’ pensjoni li tinkludi basket ta’ affarijiet u servizzi li wieħed ikollu bżonn. U jappella wkoll biex il-ħlas ta’ €300 lil dawk l-anzjani li għandhom aktar minn 75 sena u ma jgħixux f’dar tal-anzjani – inċentiv li daħħal Gvern Nazzjonalista – jgħola fl-ammont.

Carmel Mallia temm jgħid li fin-nuqqas li l-Gvern jindirizza din il-problema soċjali, r-riżultat se jkun li dawk sinjuri se jkompu jistagħnew u dawk fil-faqar ikomplu jiftaqru.