Diversi ħaddiema li jaħdmu ma’ Transport Malta fil-binja “l-ġdida” f’Raħal Ġdid esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif qed ikollhom jaħdmu f’kundizzjonijiet li saħansitra huma agħar minn fejn kienu jaħdmu qabel fil-Furjana.
Fil-ġimgħat li għaddew, ħafna mill-ħaddiema ta’ Transport Malta ġew trasferiti għat-torrijiet faċċata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, f’binja li hi waħda kontroversjali minħabba l-fatt li l-Gvern qed iħallas għaliha €500,000 fis-sena lill-GWU.
Iżda numru ta’ ħaddiema li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li hemm ħafna ilma tad-drenaġġ li għaddej mis-soqfa tal-uffiċini tagħhom, tant li darba minnhom kien hemm suffett li waqa’ fuq wieħed mill-ħaddiema.
Wieħed mill-ħaddiema spjega li s-sitwazzjoni tant hi gravi, li darba minnhom kien hemm splużjoni ta’ ilma li saħansitra għamlet ħsara fuq skrivanija u fl-apparat tal-kompjuter.
Dan kollu qed jiġri meta s-sulari ta’ fuq dak użat minn Transport Malta għadhom vojta, b’numru ta’ ħaddiema qalu li jinsabu inkwetati għal meta s-sulari ta’ fuqhom jiġu okkupati.
Kritika oħra li saret mill-ħaddiema hi li numru ta’ uffiċini m’għandhomx il-ventilazzjoni meħtieġa, tant li hemm uffiċini li lanqas biss għandhom tieqa.
Il-ħaddiema qed jesprimu d-dubji tagħhom fl-interess ta’ min ittieħdet id-deċiżjoni li Transport Malta tiċċaqlaq mill-Furjana għal Marsa, hekk kif il-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom issa huma ferm agħar milli kienu qabel.
//= $special ?>