Dak żvelat minn The Times of Malta lbieraħ, jiġifieri li Nexia BT – li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u għall-Ministru Konrad Mizzi – hija wkoll il-kumpanija li tat il-parir lill-istess Konrad Mizzi fl-għażla tal-konsorzju biex jibni l-Power Station u hija wkoll il-kumpanija tal-awditjar tal-ishma Maltin fl-istess konsorzju, ġie deskritt bħala kunflitt ta’ interess kbir.
Fl-editorjal tiegħu, l-ġurnal The Malta Independent tfakkar li dak żvelat fl-aħħar siegħat mhux l-uniċi kunflitti ta’ interess f’din il-Power Station. Fil-fatt, il-kumpanija Mossack Fonseca – li f’isem Nexia BT fetħet il-kumpaniji sigrieti ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama – hija l-mother company tal-kumpanija Gasol – li kienet l-lead partner tal-konsorzju li ntgħażel biex jibni l-Power Station ta’ Muscat.
Gasol kienet ħarġet mill-konsorzju s-sena li għaddiet, u biegħ l-ishma tiegħu, fost l-oħrajn, lill-kumpanija Maltija li għandha l-awdituri tagħha Nexia BT. Gasol ħarġet minn dan il-konsorzju fit-22 ta’ Ġunju 2015 – l-istess ġurnata li l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija tiegħu fit-trust tan-New Zealand.
L-Independent tgħid li l-involviment ta’ Nexia BT mal-konsorzju li qed jibni l-Power Station u fl-istess ħin mal-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi huwa kunflitt ta’ interess kbir.
Il-Power Station tal-gass kienet imwegħda qabel l-elezzjoni minn Joseph Muscat, li wiegħed li jekk ma tkunx lesta f’sentejn jirriżenja.
//= $special ?>