Il-President tal-Union tal-Pulizija fi ħdan il-GWU (POU-GWU) Sandro Camilleri qed jinsisti li l-Pulizija li deher f’filmat fuq il-bajja ta’ San Ġorġ, ma tax daqqa ta’ ħarta lill-barrani li kien qed jgħum għarwien, iżda li imbuttah b’ċertu forza.
Fl-aħħar jiem qamet kontroversja, partikolarment fuq il-media soċjali, dwar filmat li allegatament juri Pulizija jerfa’ idejh fuq raġel li kien qed jgħum għarwien fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’Paceville. Filwaqt li ħafna kkundannaw l-aġir tal-Pulizija involut, oħrajn qalu li r-raġel, ta’ nazzjonalità barranija, kien ħaqqu jaqla’ daqqa ta’ ħarta mingħand il-Pulizija.
Iżda f’kummenti ma’ NETnews.com.mt, il-President tal-POU-GWU qal li l-Pulizija involut ma ta l-beda daqqiet ta’ ħarta, iżda mbuttah b’ċertu forza. U dan, wara li r-raġel li nqabad jgħum għarwien kien ilu aktar minn siegħa jgħaddi lill-Pulizija biż-żmien.
“Il-Pulizija għamlu ħinijiet twal jikkummiddjaw miegħu biex jitla’ mill-baħar,” spjega Sandro Camilleri filwaqt li kompla “ma tgħidx iġġennen x’ħin ra l-Pulizija… baqa’ jgħum, jitla’ wiċċu ‘l fuq fl-ilma u juri l-parti tiegħu… litteralment iwaqqa’ lill-Pulizija għaż-żufjett”, saħaq Sandro Camilleri filwaqt li ammetta li l-imbuttattura kienet eċċessiva.
“Jiena m’għandix kantunieri: kienet eċċessiva, ma kienx hemm għalfejn jimbuttah, imma issa ġejna f’sitwazzjoni fejn l-uniformi saret paljazza,” insista Sandro Camilleri.
Il-President tal-POU-GWU saħaq li tant kemm ma kinitx daqqa ta’ ħarta, li r-raġel la jidher imiss wiċċu fil-filmat u l-anqas m’għamel xi rapporti kontra l-Pulizija involut. Mistoqsi jekk il-Pulizija inkwistjoni ġiex sospiż, Sandro Camilleri wieġeb li le, madanakollu hu mistenni li jittieħdu xi passi internament kif normalment jittieħdu meta jkun hemm każ simili.
Iżda l-President tal-Union tal-Pulizija insista: “dan mhux li qala’ xi xebgħa jew li baqgħu ituh. Filfatt il-Pulizija raw li tela’ u libes u baqgħu sejrin fuq xogħlhom”.
Ma’ NETnews.com.mt, Sandro Camilleri spjega li fl-istess ħin li l-Pulizija kienu qed jipprovaw jikkontrollaw lir-raġel li kien qed jgħum għarwien, kien hemm priorità aktar maġġuri ftit ‘il bogħod, hekk kif kien hemm rapporti ta’ bniedem mitluf minn sensieh f’Paceville.
//= $special ?>