Internazzjonali

Jemmen li wasal iż-żmien li n-NU titmexxa minn mara

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, esprima xewqa li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, ‘il quddiem, titmexxa minn mara. Fil-fatt, Ban Ki-moon sostna li ‘wasal iż-żmien’ biex mara tassumi din ir-responsabbiltà ewlenija meta n-NU, li ilha mwaqqfa għal 70 sena, kellha b’kollox tmien kapijiet — kollha rġiel – tul l-eżistenza tagħha.

Mistenni li jitħabbar Segretarju-Ġenerali ġdid tan-NU matul il-ħarifa, b’dan ir-rwol, skont it-tradizzjoni, irid idur bejn ir-reġjuni tad-dinja.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU irid ikun irrakkmandat mill-15 il-pajjiżi li jikkostitwixxu l-Kunsill tas-Sigurtà tal-organizzazzjoni. Fl-istess ħin, il-kandidat irid ikun elett mill-193 pajjiż irrappreżentati fl-Assemblea Ġenerali tan-NU.

L-Ewropa tal-Lvant u r-Russja, li qatt ma kellhom ċittadin fil-kariga ta’ Segretarju-Ġenerali tan-NU, qed jgħidu, intant, li ‘wasal iż-żmien’ biex it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti tingħata ‘lil xi ħadd minn dawk ir-reġjuni partikulari’. Dan meta l-kandidati għall-2016 ġejjin mill-Amerika Latina, l-Ewropa tal-Punent, l-Awstralasja u daqstant ieħor l-Ewropa tal-Lvant.

Għalkemm Ban Ki-moon ma ddistingwa lill-ebda kandidat, hu tenna, waqt intervista, li ‘fil-preżent hemm ħafna mexxejja nisa kapaċi u immotivati u li jistgħu tassew jibdlu d-dinja filwaqt li jikkollegaw, b’mod attiv, mal-mexxejja l-oħrajn tad-dinja’.