L-imsieħba soċjali Għawdxin esprimew diżappunt dwar il-mod kif bdew jingħataw iċ-ċitazzjonijiet f’Jum Santa Marija, li mhux biss hi festa pubblika, iżda hu wkoll l-aktar Jum imħabbat għal Għawdex.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalu li kienu qed jistennew aktar sens komun mill-gwardjani lokali fl-aktar jum imħabbat għal Għawdex, meta l-gżira Għawdxija tilqa’ aktar nies mis-soltu bil-vetturi tagħhom.
Hu fatt magħruf li Għawdex hu nieqes minn spazji għall-parkeġġ u għaldaqstant, f’Jum Santa Marija, il-gwardjani lokali kellhom jipprevjenu parkeġġ ħażin aktar milli jfajjru ċ-ċitazzjonijiet, saħqu l-imsieħba soċjali Għawdxin. Il-konegwenza tan-nuqqas ta’ parkeġġ fir-Rabat Għawdex m’għandiex tintrefa’ minn dawk li jkunu qed iżuru Għawdex, komplew l-imsieħba soċjali Għawdxin.
Filwaqt li esprimew sodisfazzjoni għall-ammont ta’ persuni li żaru Għawdex fl-aħħar jiem fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija rringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Gozo Channel tas-servizz li pprovdew b’risq il-gżira Għawdxija fl-aħħar jiem.
//= $special ?>