Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jispjega darba għal dejjem x’inhuma r-rabtiet bejn il-kumpaniji sigrieti li fetħu fil-Panama ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi mal-Power Station tal-gass li, minkejja li pajjiżna m’għandux bżonnha, se jibqa’ jwebbes rasu u jagħmilha xorta waħda.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn qal li l-aħbar żvelata fl-aħħar sigħat hi gravi ferm. Dan hekk kif sar magħruf li l-kumpanija NexiaBT, li ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali bdiet tiftaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom Keith Schembri u Konrad Mizzi jitfgħu senserija, kienet ukoll il-kumpanija li tat il-parir biex jintgħażel il-konsorzju għall-bini tal-Power Station.
Il-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiż serju, mhux aċċettabbli li l-istess bniedem ikun, fl-istess ħin, Konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konsulent tal-Enemalta, Awditur tal-Konsorzju privat li qed jibni Power Station, kif ukoll l-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u għall-Ministru tal-Enerġija. Dan hu taħwid li jistieden l-inkwiet u jqajjem riħa tinten ta’ korruzzjoni.
Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu l-imħuħ wara din il-Power Station, kif ukoll iż-żewġ persuni li, flimkien ma’ Muscat, wegħduha qabel l-elezzjoni u l-uniċi tliet persuni li qed jaraw li l-Power Station issir. Malta għandha enerġija biżżejjed grazzi għall-investiment ta’ Gvern Nazzjonalista, li ppermetta prezzijiet orħos mill-interconnector, kif ukoll mill-Power Station tal-BWSC.
Biex żgur jagħmel vendikazzjoni mal-familji u n-negozji tan-naħa ta’ isfel, Muscat qed jibqa’ jwebbes rasu wkoll li jpoġġi t-tanker tal-gass li se jissuplixxi l-Power Station għal 18-il sena sħaħ ftit metri biss ‘l bogħod minnhom, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>