Kważi 700 persuna diġà ffirmaw fi tlett ijiem petizzjoni li se tintbagħat lill-Ministru għat-Transport, Joe Mizzi, u lis-Sindku u l-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa titlob biex tiġi revokata deċiżjoni li jidher li ttieħdet mhux bl-approvazzjoni tal-Kunsill, biex jitneħħew b’mod immedjat ir-rumble strips li saru dan l-aħħar fi triq ewlenija li minnha jgħaddu mijiet ta’ karozzi kuljum, fit-Triq il-Kbira, fil-Mellieħa.
Ir-residenti qed isostnu fil-petizzjoni, li f’din it-triq hemm periklu kbir ġdid. Dan il-periklu mhux ġej minn sewwieqa kapriċċużi imma ġej minn inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bl-għajnuna tal-Ministeru tat-Transport. Dan wara li fl-aħħar dawra qabel tibda n-niżla, saru rumble strips li żiedu l-periklu, u dan minnħabba li s-sewwieqa jħossuhom qed jitilfu l-kontrol tal-karozza meta jgħaddu minn fuqhom, anki jekk b’veloċità baxxa.
Skont informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, dawn ir-rumble strips saru fuq parir tal-Kunsill Lokali biex inaqqsu l-veloċità u n-numbru kbir ta’ inċidenti li kienu jsiru. Ir-residenti fil-Mellieħa u ħafna oħrajn li diġà ffirmaw il-petizzjoni għaliex din hi triq frewentata minn ħafna, qed isostnu li r-raġuni li ngħatat mhix aċċettabbli għaliex mhux minnu li f’dan il-post kienu jsiru numru kbir ta’ inċidenti.
Ir-residenti jemmnu wkoll li jekk għandhom isiru rumble strips biex inaqqsu l-veloċità, dawn għandhom isiru ħafna qabel id-dawra. Qed jargumentaw ukoll li jekk se jsiru rumble strips biex inaqqsu l-veloċità, tista’ tagħmel rumble strips f’kull triq.
B’din il-petizzjoni, ir-resident jixtiequ jwasslu l-inkwiet tagħhom lill-Ministru tat-Transport Joe Mizzi, u lis-Sindku u l-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Qed jitolbu li dawn ir-rumble strips jitneħħew immedjatament biex jitneħħa dan il-periklu ġdid li qed jesperjenzaw is-sewwieqa li jużaw din it-triq prinċipali, l-aktar fosthom ir-residenti tal-Mellieħa.
Il-kwistjoni marbuta mal-introduzzjoni tar-rumble strips fit-triq ewlenija tal-Mellieħa, tqajmet ukoll fil-Parlament qabel ma aġġorna għall-vaganzi tas-sajf.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kien staqsa lill-Ministru jikkonferma jekk ir-rumble strips li saru fl-aħħar ġimgħat fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa, sarux bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta; u jekk Transport Malta hix konxja mill-periklu li qed jesperjenzaw is-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn din it-triq traffikuża minħabba l-istess rumble strips.
Il-Minsitru Mizzi kien wieġeb f’Lulju li għadda fil-Parlament, li fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa ma kienx qed jiġi rispettat il-limitu ta’ veloċità ta’ 35km/h, u qal li seħħew ukoll diversi inċidenti f’din it-triq. Spjega wkoll li kien il-Kunsill Lokali li talab li jsiru rumble strips li ġew approvati minn Transport Malta, li għamlet l-istess rumble strips skont l-istandards.
Mitlub minn In-Nazzjon jagħti r-reazzjoni tiegħu għal din il-petizzjoni li qed tinġabar, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li bħala deputat mill-Mellieħa qed jappoġġja din il-petizzjoni li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippreżentaha fiżikament lill-Ministru u lis-Sindku f’isem ir-residenti.
Se jkun qed iressaq il-petizzjoni anke fid-dawl tal-ilmenti li rċieva mir-residenti u ħafna nies oħrajn li wkoll qed jiffirmaw din il-petizzjoni minħabba dan il-periklu fit-triq.
Spjega wkoll li huwa ovvju li n-nies huma kontra waqt li semma l-kwantità ta’ telefonati (għexieren), li kellu sabiex jagħmel dak kollu li jista’ biex dawn jitneħħew. Apparti residenti, spjega wkoll li hemm ukoll nies oħrajn li jifrekwentaw dik iz-zona li tkellmu kontra .
Id-Deputat Nazzjonalista esprima t-tama li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, li jirriżulta li ma kinitx diskussa f’laqgħa tal-Kunsill, u l-Ministru jieħdu d-deċiżjoni li tirrifletti l-ġid komuni – dik li jitneħħew għax fil-verità ma messhom saru qatt.
//= $special ?>