Għaddasa li lbieraħ kienu qed jgħodsu fl-inħawi tax-Xlendi, f’Għawdex, iltaqgħu ma’ xena rari ta’ grupp ta’ iżjed minn 20 kelb il-baħar ta’ daqs żgħir fl-istess post … iżda li sfortunatament kienu kollha mejta f’qiegħ il-baħar.
Hu maħsub li dan seħħ wara li l-klieb il-baħar inqabdu fix-xbieki tas-sajjieda bla intenzjoni, flimkien ma’ ħut oħra, bis-sajjieda jarmuhom lura fil-baħar.
F’dan il-każ, il-klieb il-baħar huma gattarell, minn liema speċi għall-aħħar snin l-għaqda mhux governattiva Sharklab kienet qed tiġbor bħala bajd mill-pixkerija u b’dedikazzjoni tant kbira jrabbuhom fuq perjodu twil u delikat sakemm ikunu kibru biżżejjed biex jinħelsu lura fl-oċean.
Il-ħtija ntefgħet mill-għaddasa fuq is-sajjieda minħabba l-istat li nstabu fih dawn il-klieb il-baħar, mixħuta ħdejn xulxin fl-istess roqgħa, u wħud minnhom b’tiċrit f’diversi partijiet ta’ ġisimhom.
Ix-xena li xxukkjat lil ħafna ġabet kundanna minn numru ta’ ambjentalisti, u fuq kollox appell lill-awtoritajiet biex jinvestigaw dan il-każ. Saħansitra ninsabu nfurmati li kopja tar-ritratti u nformazzjoni dwar dan il-każ intbagħtet lill-Prim Ministru.
Ninsabu nfurmati wkoll li xeni simili qed jintlemħu mhux biss f’Għawdex, imma wkoll madwar il-bajjiet f’Malta, b’każ ieħor irrappurtat ilbieraħ stess ta’ ammont ta’ klieb il-baħar mejta fl-inħawi ta’ Għar Lapsi.