Lokali Unjoni Ewropea

Bl-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti, “Malta qed tbigħ l-aċċess fl-UE” – Politico.eu

Ftit jiem biss wara l-artiklu dwar l-implikazzjonijiet tar-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit, is-sit Ewropew tal-aħbarijiet Politico.eu ppubblika artiklu ieħor li jpoġġi lil Malta taħt lenti xejn sabiħa: din id-darba dwar l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti.

Is-sit jgħid li Malta qed tbigħ l-aċċess fl-Unjoni Ewropea, hekk kif jirrapporta kif l-iskema Maltija tagħti Passaport Malti lil persuni sinjuri ladarba jħallsu u jixtru propjetà f’Malta mingħajr il-ħtieġa li jkunu residenti f’pajjiżna. Jikkwota lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, li qal li mill-bidu tal-iskema fl-2014 inbigħu aktar minn 700 Passaport lil persuni barra mill-Unjoni Ewropea.

Din l-iskema qajjmet tħassib dwar is-sigurtà u anke dwar il-possibbiltà li ċittadini Russi, li huma l-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li xtraw il-Passaport Malti, jużaw din l-iskema biex jaħarbu mis-sanzjonijiet f’pajjiżhom.

Fost oħrajn, il-Membru Parlamentari Ewropew mil-Lussemburgu Frank Engel kien ikkwotat jgħid li “kieku ma kellix rispett kbir lejn Malta bħala pajjiż, sentejn ilu kont ngħid li dawn huma prattiċi ta’ ‘banana republic’, li għandhom ikunu mrażżna mill-Unjoni Ewropea”.

Politico.eu tkellem ukoll max-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, li qal li hu kważi impossibbli li wieħed ikun jaf min qed jixtri ċ-Ċittadinanza Maltija għax il-Gvern jippubblika ismijiethom ma’ oħrajn li ħadu ċ-Ċittadinanza b’naturalizzazzjoni jew bi żwieġ, skont l-ordni alfabetika bl-isem u mhux bil-kunjom, filwaqt li ma jippubblikax il-pajjiż minn fejn ikunu ġew.