Lokali

B’mod unanimu, il-KL ta’ Tas-Sliema jaqbel li għandu jappella d-deċiżjoni ta’ ‘Townsquare’

Fir-ritratt: Il-Kunsilliera kollha preżenti għal-laqgħa tal-Kunsill ta’ Tas-Sliema barra l-Kunsilliera Laburista Lisa Cassar Shaw li dak il-ħin ħarġet b’oġġezzjoni li jkun hemm preżenti l-midja.

Il-kunsilliera ta’ Tas-Sliema, b’vot favur ir-residenti, qablu b’mod unanimu li l-Kunsill Lokali għandu jappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat l-iżvilupp Townsquare.

Dan il-proġett jinkludi wkoll torri ta’ 38 sular li fost l-oħrajn jinkludi 159 appartament, 4,700 metru kwadru ta’ uffiċċji, 10,000 metru kwadru ta’ spazju kummerċjali u 748 spazju ta’ parkeġġ.
Il-proġett kien approvat madwar ġimgħatejn ilu mill-Awtorita’ għall-Ippjanar – proġett li qed iqajjem kontroversja sħiħa fost anke rabja mir-residenti ta’ Tas-Sliema.

L-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar kienet waħda kontroversjali ħafna, u l-proġett għadda biss b’maġġoranza ta’ vot – 7 voti favur u 6 kontra, inkluż dawk kontra taċ-Chairman Vince Cassar u d-Deputy Chairwoman Elizabeth Ellul.

Dan wara diskussjoni fit-tul u taħraq waqt laqgħa pubblika li għaliha kien hemm attendenza, fost l-oħrajn mir-residenti Slimiżi.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill Lokali fetaħ il-bibien tiegħu anke li jaħdem mal-għaqdiet mhux governattivi u persuni li jaħdmu favur l-ambjent biex dawn jingħaqdu flimkien fl-appell tagħhom kontra dan il-proġett kontroversjali.

Il-kunsilliera preżenti qablu wkoll li l-Kunsill Lokali għandu juża l-mezzi kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu skont il-liġi biex joġġezzjona għal dan il-proġett.