Lokali

Filmat: Il-ħidma tar-Red Cross f’Malta

Tmiem il-ġimgħa li għadda kien fost l-aktar impenjattiv għall-organizzazzjoni mhux governattiva Red Cross f’pajjiżna. Eluf ta’ persuni ħatfu l-okkażjoni li offra t-temp sabiħ, abbinat ma’ weekend itwal minħabba l-Festa ta’ Santa Marija, u ħadu ftit mistrieħ ħdejn il-baħar.

Iżda qalb il-folol kien hemm ukoll voluntiera li sfortunatament, ħafna drabi, huma sottovalutati, għalkemm il-prezz ta’ xogħolhom ma tistax tikkalkulah. Fost dawn, hemm il-lifeguards, bl-istatistika turi li fl-2015 għenu aktar minn 700 persuna, li kienu f’diffikultà.

NETnews tkellem ma’ Terence Camilleri, li hu lifeguard u li spjega kif wieħed jilħaq lifeguard, hemm bżonn taħriġ ta’ ‘first aid’ u 60 siegħa ta’ taħriġ dwar salvataġġ fl-ilma.

F’Golden Bay iltqajna wkoll ma’ Robert Brincau, li jmexxi l-ħidma tal-Malta Red Cross, assistit minn numru ta’ voluntiera li ta’ kuljum jieħdu ħsieb il-bajjiet tal-madwar. Hu spjega li l-priorità hi dejjem il-prevenzjoni.