Internazzjonali

Fl-Istati Uniti: Jikollu wiċċu wara li qatlu

Austin Harrouff, (ritratt) student universitarju ta’ 19-il sena, kien arrestat mill-Pulizija wara li nstab jiekol wiċċ raġel li kien għadu kemm qatel flimkien mal-mara tiegħu. Il-Pulizija mhux qed teskludi li dan seta’ kien taħt l-influwenza ta’ xi droga meta wettaq dan ir-reat.
Imma s’issa testijiet li saru ma sabu ebda traċċa ta’ drogi magħrufa.
Harrouff attakka lill-koppja John Stevens u Michelle Mishcon quddiem id-dar tagħhom f’Tequesta, madwar 30 kilometru minn Palm Beach. Ġar indarab serjament wara li pprova jintervjeni.
Meta l-Pulizija waslu fil-post fejn seħħ il-qtil, Pulizija uża t-taser imma dan ma kellu ebda effett u kien hemm bżonn diversi pulizija u l-klieb tagħhom biex irnexxielhom jżommuh u jarrestawh.
Investigaturi mhux qed jeskludu li Harrouff kien qed jieħu xi droga ġdida partikolarment dik magħrufa bħala ‘flakka’ u li hi magħrufa li taffettwa ħażin ħafna l-personalità tal-bniedem.
Harrouff issa hu rikoverat l-isptar imma l-feriti li għandu huma serji u hemm possibbiltà li jmut.