Qorti

Fuq ir-reġistru tal-pedofeli u jsuq vann tal-iskola

Anzjan ta’ 66 sena kien immultat €3,000 u kellu sentenza sospiża estiża minn sentejn għal 4 snin wara li ammetta li kien qed isuq vann li kien iġorr tfal tal-iskola meta hu mniżżel fir-reġistru tal-pedofeli.

John Vella minn Birkirkara u l-employer tiegħu Rene Zammit ta’ 47 sena minn Ħal Balzan tressqu l-Qorti akkużati li offrew servizz tat-trasport tat-tfal tal-iskola b’vann li ma kienx liċenzjat.

Vella kien ukoll akkużat li ma nnotifikax lill-awtoritajiet li mhux eliġibbli li jaħdem xogħol li jpoġġih f’kuntatt ma’ tfal u li wettaq reat waqt fiż-żmien operattiv ta’ sentenza sospiża.

Min-naħa tiegħu Zammit kien akkużat li ħaddem lil Vella bi ksur tal-liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti.

Kemm Vella kif ukoll Zammit ammettew l-akkużi rispettivi miġjuba kontrihom.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li Zammit għandu sensiela ta’ ksur ta’ regolamenti dwar il-ġarr ta’ passiġġieri li tmur lura sa mill-2005 filwaqt li Vella għadu kemm ingħata sentenza sospiża ħames xhur ilu u flok irriforma ruħu, kompla jżid mal-fedina penali tiegħu.

Madanakollu, il-Maġistrat innutat li minħabba l-eta tiegħu, sentenza ta’ ħabs mhux ideali għal Vella.

Għaldaqstant, Vella kien immultat €3,000 u kellu s-sentenza sospiża oriġinali estiża minn sentejn għal erba’ snin.

Rene Zammit kien immultat €15,000.

Il-Qorti rrevokat il-liċenzji u l-permessi kollha relatati mat-trasport tal-passiġġieri.