Lokali

Lisa Cassar Shaw toġġezzjona li l-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom

Waqt laqgħa mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien hemm vot ta’ għaqda u unanimità  fid-deċiżjoni li l-Kunsill Lokali għandu juża l-mezzi kollha li ttih il-liġi biex joġġezzjona għall-proġett Townsquare, li jinkludi wkoll torri ta’ 38 sular.

Il-Kunsill Lokali hu ffurmat minn membri tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika, li lkoll tkellmu kontra l-proġett, iżda matul il-laqgħa spikka l-aġir inkomprensibbli ta’ Lisa Cassar Shaw – il-kunsilliera f’isem il-Partit Laburista.

Malli crew ta’ Net Television daħal għal din il-laqgħa, li bħal kull laqgħa ta’ kull Kunsill Lokali ieħor kienet waħda pubblika, Lisa Cassar Shaw qamet minn postha, avviċinatna u staqsietna ta’ liema stazzjon aħna.

Malli għidnielha li minn Net Television, Cassar Shaw ħarġet mil-laqgħa biex iċċempel, u mmedjatament irritornat lura u qalgħet kjass sħiħ tilmenta li ma tridx li l-cameraman tagħna jiġbed filmati tagħha.

Akkużat ukoll lill-Kunsill Lokali li qed jippolitiċizza l-kwistjoni sempliċiment għax skont hi ma kellux iħalli lil dan l-istazzjon jattendi għal laqgħa pubblika, minkejja li din li kienet qed tiġi streamed b’mod dirett fuq il-websajt tal-Kunsill Lokali.

L-oġġezzjoni ta’ Cassar Shaw kienet biss fil-konfront ta’ Net Television, hekk kif qabel dan l-istazzjon, għal-laqgħa diġa kien hemm preżenti ġurnalist ta’ Malta today.