Sport Waterpolo

Marsaxlokk iżommu r-rekord perfett

Marsaxlokk Fischer komplew bit-triq tar-rebħ meta għar-raba’ darba fil-kampjonat għelbu lil Marsascala Nutrition Empire 9-8. B’hekk żammew ir-rekord perfett ta’ 11-il rebħa minn 11-il partita filwaqt li komplew ikabbru l-vantaġġ fil-klassifika.

Ix-Xlukkajri li ġew dikjarati champions fi tmiem it-tielet rawnd issa jistennew l-aħħar logħba tal-kampjonat li fiha jingħataw it-tazza ta’ champions kif ukoll il-finali tan-knock-out kontra l-istess Marsascala.

It-tim ta’ Ian Azzopardi qatt ma kien minn taħt fil-partita bil-vantaġġ bikri ta’ 3-0 ikun biżżejjed biex imexxu l-partita minkejja li Marsascala wettqu reazzjoni fit-tieni sessjoni u daħlu jistrieħu 5-5. Iżda doppjetta ta’ Vuksanovic fit-tielet sessjoni reġgħet poġġiet lil Marsaxlokk żewġ gowls minn fuq.

Karl Galea għamilhom 8-5 fl-aħħar sessjoni, iżda reazzjoni minn Marsascala wasslet għal gowls ta’ Cassar u Kovacs. Marsaxlokk skurjaw il-gowl li serraħ ras ix-Xlukkajri permezz ta’ Claudio Spiteri Debarro biex il-gowl fl-aħħar ta’ Cassar kien inutli.