Sport Waterpolo

Rebħa drammatika għal Ta’ Xbiex

Ta’ Xbiex Amigos kisbu rebħa drammatika meta b’gowl fl-aħħar 0.7 sekondi għelbu lil Otters Nivea 13-12. Logħba bilanċjata bejn iż-żewġ timijiet li baqgħu jissieltu sat-tmiem, b’Otters ikunu kważi minn fuq għal partita kollha, iżda żewġ gowls fl-aħħar sekondi dawru r-riżultat għat-tim ta’ Keith Grima Scott.

Otters kellhom prestazzjoni aħjar mill-aħħar partiti bil-barrani tagħhom Marko Jelaka jispikka b’sitt gowls, iżda nuqqas ta’ attenzjoni fl-aħħar sessjoni rathom jitilfu vantaġġ ta’ erba’ gowls. Otters protestaw bil-qawwa fl-aħħar sekondi meta fl-aħħar sekondi huma skurjaw iżda r-referee Stefan Licari ġġudika li x-xutt ġie konkluż minn ġewwa s-sitt metri. Minn naħa l-oħra fl-aħħar attakk Ta’ Xbiex skurjaw il-gowl tar-rebħa.

Il-vantaġġ inbidel diversi drabi fl-ewwel sessjoni b’Michele Mifsud iġib id-draw ta’ 3-3 wara l-gowls ta’ Jelaka u Scicluna. Fit-tieni sessjoni Otters marru minn fuq darbtejn iżda l-gowls parzjali ta’ Camenzuli u Grech ħallew l-iskor indaqs sakemm Jelaka daħħal lit-tim Għawdxi b’gowl mid-distanza fl-aħħar sekonda.

Wara l-mistrieħ, it-tim ta’ Paul Dimech ħa r-riedni tal-partita u b’gowl ta’ Gabriel Mizzi u ieħor ta’ Marko Jelaka fetħu vantaġġ tajjeb ta’ 10-6. Iżda Ta’ Xbiex wettqu reazzjoni tajba, skurjaw tliet gowls minn David Fenech, Adam Maklari u Jerome Zerafa Gregory u reġgħu fetħu l-logħba.

Otters kienu pronti u wettqu reazzjoni b’ gowl mill-viċin ta’ Georg Debono sakemm Ayrton Camenzuli reġa’ naqqas id-distakk għal gowl. Iżda reġa’ kien Marko Jelaka li fetaħ żewġ gowls vantaġġ. Ta’ Xbiex baqgħu jemmnu u wara li Michele Mifsud naqqas id-distakk, kien David Fenech li bit-tieni gowl tal-logħba b’24 sekonda mit-tmiem ġab id-draw. Iżda fl-aħħar sekondi ġara minn kollox b’Ta’ Xbiex jiskurjaw il-gowl finali minn Adam Maklari b’anqas minn sekonda għat-tmiem il-logħba.