Mara mill-Etjopja kienet ikkundannata sena priġunerija sospiża għal sentejn wara li ammettiet li waslet Malta b’Passaport falz u li għamlet rapport li wkoll kien falz.
Ebis Getu waslet Malta fit-28 ta’ Lulju li għadda. L-għada hi marret tagħmel rapport għand il-Pulizija, fejn qalet li waslet Malta ma’ familja mill-Kuwajt, li kienu jitrattawha ħażin u li kienu jżommuha maqfula f’appartament, minfejn irnexxielha taħrab.
Madankollu, hi ammettiet li l-istorja ma kinitx vera u li vvintat ix-xena fuq suġġeriment ta’ Somalu li kien magħha fuq it-titjira, u li qalilha li jekk tagħmel rapport f’dan is-sens, hi tkun tista’ tingħata kenn.
L-Etjopjana stqarret li veru kienet tgħix ma’ familja fil-Kuwajt, iżda dawn qatt ma ġew Malta. Hi ammettiet li vvjaġġat lejn Malta b’Passaport falz u li rnexxielha tiltaqa’ ma’ żewġha f’Malta stess wara arranġamenti mill-istess Somalu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qalet li Getu għamlet dan biex tiltaqa’ ma’ żewġha. Il-Maġistrat qal li l-mara Etjopjana messha applikat għall-ażil malli waslet u minkejja li kienet offruta l-għajnuna mill-Pulizija, hi baqgħet tippersisti bl-istorja tagħha għal ammont ta’ ħin.
Minkejja s-sentenza kontriha, Ebis Getu xorta għandha l-opportunità li tapplika għall-protezzjoni umanitarja. Il-Maġistrat Mifsud qal li issa hu f’idejn il-Kummissarju għar-Refuġjati li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.
//= $special ?>