Lokali

Transparency International: Minn sieħeb għal ċanfira gravi lil Muscat

Fi spazju ta’ tmien xhur, ir-relazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat mal-organizzazzjoni importanti Transparency International għaddiet minn waħda ta’ sieħeb fi stqarrija konġunta qawwija kontra l-korruzzjoni għal waħda, fejn ġimgħa ilu, l-għaqda internazzjonali tat ċanfira gravi lill-Gvern ta’ Muscat għall-involviment ta’ Ministru u Chief of Staff fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Dan kien irrappurtat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon, li fakkar kif fi tweet, Transparency International appellat lil Malta biex tnaddaf il-“mandra ta’ korruzzjoni” li għaddejja minnha qabel ma s-sena d-dieħla tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

In-Nazzjon fakkar kif meta kien fl-Oppożizzjoni, Joseph Muscat kien juża’ l-informazzjoni li toħroġ mill-Corruption Perceptions Index maħruġ ta’ kull sena minn Transparency International, fejn jingħataw punti lil għadd kbir ta’ pajjiżi fuq diversi aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ kif in-nies tħares lejn is-settur pubbliku mil-lat ta’ korruzzjoni.

In-Nazzjon fakkar kif f’Novembru li għadda, fl-ewwel jiem taċ-CHOGM, Muscat ħareġ dikjarazzjoni konġunta ma’ Transparency International, fejn ingħad li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kellha titpoġġa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Commonwealth, f’impenn ta’ portata internazzjonali qawwija ħafna.

Madankollu, tmien xhur minn din l-istqarrija konġunta, Transparency International spiċċat iċċanfar lil dak li miegħu ffirmat stqarrija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Illum, Transparency International hi rikonoxxuta mad-dinja kollha bħala l-aktar organizzazzjoni internazzjonali relevanti fil-qasam tal-ġlieda ma taqta’ xejn kontra l-korruzzjoni f’kull parti tad-dinja.