Sport Waterpolo

Valletta żewġ punti taħt Sirens

 

Valletta McDonalds żammew it-tamiet ħajja li jispiċċaw  fir-raba’ post meta meritatament għelbu lil Sirens Ritter Sport 11-4. L-iskor jista’ jindika li kienet rebħa netta, iżda l-partita kienet bilanċjata minkejja li Valletta kienu dejjem aħjar.

Il-Beltin kienu ġejjin minn telfa kontra Exiles fil-kampjonat filwaqt li Sirens tilfu fl-aħħar partita fin-knock-out kontra Neptunes u l-fatt li din kienet il-mira ewlenija ta’ Sirens, jista’ jkun li l-partita tas-Sibt ħalliet l-effett.

Il-logħba kienet nieqsa mill-gowls fil-bidu bil-Beltin jirbħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Michael Rizzo. David Cutajar ġab id-draw fit-tieni sessjoni, iżda push shot mill-isbaħ ta’ James Spiteri Staines reġa’ poġġa lil Valletta fil-vantaġġ. Ryan Mock għamel l-iskor 3-1 meta wara li rċieva tajjeb skurja minn quddiem Grixti b’azzjoni personali.

Wara l-mistrieħ, Kholod kompla jkabbar l-iskor, iżda l-barrani ta’ Sirens Sergi Mora wieġeb. Andrea Agius reġa’ għamel id-distakk għal tliet gowls, iżda żewġ gowls fi ftit minuti minn Gabriel Pace u Jacob Sciberras qabel tmiem it-tielet sessjoni naqsu d-distakk għal gowl.

Fl-aħħar sessjoni, Sirens komplew jagħfsu għad-draw u kellhom xi okkażjonijiet. Iżda kienu Valletta għamlu l-iskor 6-4 permezz ta’ Dimitri Kholod. Sirens reġgħu pruvaw jibqgħu fil-partita iżda reġgħu kienu Valletta li b’gowl ta’ James Spiteri Staines għalqu l-partita.

Il-logħba ma kinitx għadha spiċċat hekk kif wara li l-gowl ta’ Michael, ħuħ James Spiteri Staines għamel l-iskor 9-4. Eżatt mal-gowl inqalat ġlieda bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers li b’deċiżjoni taż-żewġ referees tkeċċa għal fawl ta’ brutalità l-gowlkiper Nikky Grixti kif ukoll tkeċċa b’sostituzzjoni Zach Mizzi, bil-Beltin iżidu żewġ gowls oħra lejn it-tmiem.

Sirens: N. Grixti, Z. Mizzi, S. Mora (1), G. Pace (1), M. Grech, I. Riolo, M. Balucci, D. Cutajar (1), J. Napier, J. Sciberras (1), M. Pullicino, N. Farrugia, M. Muscat

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (3), A. Agius (1), M. Rizzo (2), A. Mifsud, R. Mock (2), D. Paolella, N. Bonello Ghio, M. Cordina, C. Zammit, D. Kholod (2), A. Zarb Cousin, M. Spiteri Staines (1)

Referees: Ronnie Spiteri, Luca Bianco