Internazzjonali

Jintilfu waqt il-Camino de Santiago

Skwadri għat-tifi tan-nar salvaw żewġ Britanniċi li ntilfu huma mexjin mir-rotta stabbilita għall-Pellegrinaġġ ta’ Camino de Santiago. Dan meta l-Britanniċi kienu spiċċaw kostretti jixorbu l-ilma mill-gandotti wara li damu mitlufa għal ħamest ijiem.
Il-koppja, li ma kenitx identifikata, kienet telqet, nhar il-Ġimgħa, minn Saint-Jean-Pied-de-Port, fi Franza, bil-ħsieb li jaqsmu l-fruntiera u jqattgħu l-lejl fil-belt Spanjola ta’ Roncesvalles.
Intant, jidher li l-Britanniċi tilfu t-triq u, ladarba huma sabu ruħhom mingħajr ikel u l-ilma, kellhom ifittxu kwalunkwe tip ta’ ilma li setgħu jsibu — fix-xmajjar u l-gandotti, kif ukoll minn xi reċipjenti għall-annimali tal-merħla.
Il-Gvern reġjonali ta’ Navarra qal li kien proprju nhar it-Tlieta li l-koppja rrealizzat ‘il-gravità tas-sitwazzjoni’ u fejn ikkuntattjat lis-servizzi tal-emerġenza. Il-Britanniċi, aktar’il quddiem, intlemħu mill-ekwipaġġ ta’ ħelikopter ftit kilometri’il bogħod mill-belt ta’ Valcarlos, fir-reġjun tal-Baski.