Internazzjonali Lokali

Skont studju: Jekk taġġorna lil kulħadd bir-rutina tal-gym tiegħek, għandek problema psikoloġika!

Riċerka li saret mill-Brunel University ta’ Londra kkonkludiet li persuni li jaġġornaw lil sħabhom fuq il-midja soċjali għal kull darba li jmorru l-gym jew jagħmlu eżerċizzju fiżiku għandhom problema psikoloġika.

L-istudju li sar juri li dawn il-persuni, li jiddokumentaw kull ħaġa li jagħmlu fil-gym jew jiftaħru kull darba li marru għal xi mixja jew ġirja, huma vanitużi u jagħmlu dan sempliċiment biex jiftaħru fuq kemm jinvestu ħin fuq id-dehra tagħhom.

Instab ukoll li dan isir għaliex posts fuq Facebook dwar attività fiżika jtellgħu iżjed Likes.

“Persuni vanitużi spiss jaġġornaw il-profili tal-midja soċjali tagħhom bl-akkwisti li jkunu jagħmlu, motivati mill-bżonn tagħhom għall-attenzjoni mill-komunità ta’ Facebook,” jingħad fl-istudju.

Dr. Tara Marshal, li kienet involuta f’dan l-istudju, kompliet li “għalkemm l-istudju jindika li persuni vantużi huma kkuntentati b’ammont ta’ Likes u kummenti, jista’ jagħti l-każ li sħabhom sempliċiment qed jagħmlu dan biex jintogħġbu magħhom, iżda fil-verità ma tantx jieħdu gost bil-promozzjoni egoistika tagħhom.”

Ir-riċerka, wara studju fuq 555 persuna li tuża Facebook, wera wkoll li persuni b’self-esteem baxx frekwentament jiktbu statuses fuq ir-relazzjoni romantika tagħhom, jew inkella jużaw lit-tfal tagħhom biex jakkwistaw iżjed attenzjoni.