Sport Sport Ieħor

It-tieni telfa għal Valletta fil-UEFA Futsal Cup

Valletta Futsal sofrew it-tieni telfa mill-UEFA Futsal Cup meta t-tilfu 6-0 kontra ċ-ċampjins Ġeorġjani ta’ Tbilisi State University fit-tieni logħba minn Grupp F tar-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Cup, li ntlagħbet fil-Ylivieska Ice Arena f’Sievi, fil-Finlandja.

Il-Beltin kellhom bidu tajjeb hekk kif laqtu l-lasta permezz ta’ Denis Di Maio. Il-gowlkiper Neil Cuschieri kien ukoll impenjat f’diversi salvataġġi. Għaldaqstant David Bobokhidze, li hu wiċċ familjari magħna l-Maltin, poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ fis-sbatax-il minuta. Hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima l-Ġeorġjani ħarġu determinati li jieħdu l-kontrol assolut u skurjaw mhux anqas minn ħames darbiet. Archil Sebiskveradze għamel l-iskor 2-0 minn penalty, wara fawl li wettaq il-gowlkiper Belti Neil Cuschieri, li ġie wkoll ammonit. Shota Chanukvadze, Nodari Kurtsadze u Nikoloz Kurtanidze skurjaw ukoll għal Tbilisi State University, flimkien mat-tieni gowl personali ta’ Bobokhidze li għamel l-iskor finali ta’ 6-0 għal Ġeorġjani.

B’din ir-rebħa Tbilisi State University komplew isaħħu posthom f’ras il-klassifika, hekk kif nhar is-Sibt li ġej ikollhom konfront deċiżiv kontra Sievi Futsal.

Nhar is-Sibt ukoll, Valletta jagħlqu l-impenji tagħhom fil-Finlandja, meta jilagħbu kontra l-Iskoċċiżi ta’ Wattcell Futsal Club li huma wkoll għadhom bla rebħa.