Aktar ma jgħaddu l-jiem, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza qed jidħol dejjem aktar fl-interess u qed ikompli jiżdied l-eċitament ta’ min jista’ jirbaħ l-ogħla unuri fit-tieni l-akbar konkors tal-kant f’pajjiżna.
Minn dawk kollha li kkwalifikaw minn stadju għall-ieħor tal-Konkors, l-20 kanzunetta fil-kategorija Kantanti Stabbiliti se jibqgħu għaddejjin sas-serata finali, li se ssir fid-19 ta’ Settembru fuq il-Fosos.
Ma’ dawn, se tingħaqad kanzunetta waħda minn tlieta li kklassifikaw bejn il-21 u t-23 pożizzjoni. Dawn qed jikkompetu bejniethom permezz tat-televoting.
Fl-istess waqt, għad fadal 10 kanzunetti fil-kategorija Talent Ġdid, li minnhom iridu jgħaddu tliet kanzunetti wara proċess ta’ għażla magħmul minn 60% f’voti tal-ġurija u 40% f’televoting.
L-24 kanzunetta jaslu flimkien għall-finali tal-Konkors, bir-rebbieħa jintgħażlu mill-ġurija. Min-naħa l-oħra, it-televoting iwassal għal premju separat tal-pubbliku.
Sadanittant, il-filmati tal-kanzunetti kollha tistgħu ssibuhom fil-Paġna fuq Facebook iddedikata għall-Festi tal-Indipendenza , filwaqt li r-ritratti tal-kantanti u n-numri abbinati magħhom għat-televoting issibuhom fis-sezzjoni ddedikata għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza f’NETnews.com.mt.
//= $special ?>