Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, minflok joqgħod jikteb l-istqarrijiet dwar artikli fil-gazzetta, għandu jkun serju u minnufih jippubblika l-kuntratti tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet: l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista f’isem x-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg saħaq li minkejja li għażel li joħroġ stqarrija mimlija tgħajjir, Chris Fearne ma wieġeb ebda mistoqsija li saritlu fl-artiklu msemmi, fost l-oħrajn kemm se jitħallas għal kull vjaġġ bejn Malta u Għawdex, min se jħallas għal dan is-servizz, u dan il-ħlas hux inkluż fis-somma ta’ €55 miljun li se jħallas il-Gvern Malti fis-sena jew le?
Dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba biss mhux bit-tgħajjir ta’ Chris Fearne, iżda jekk l-istess Ministru tas-Saħħa jippubblika l-kuntratti kollha tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet. L-uniku ħaġa li hi magħrufa sa issa minn din il-privatizzazzjoni, u li ġiet żvelata mill-media għax il-Gvern ried iżommha sigrieta, hu l-fatt li l-Isptar San Luqa mhux vera għadda għand il-privat għal 30 sena, iżda għal 99 sena. Il-kumplament tal-kuntratti Chris Fearne qed jagħżel li jżommhom sigrieti, u dan qed jagħmlu għal raġuni.
Il-fatt li dan il-kuntratt ġie nnegozjat minn Konrad Mizzi, li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa’ s-senserija, tpoġġi dubji serji fuq dawn il-kuntratti.
//= $special ?>