Fl-aħħar Sibt ta’ Awwissu se jkun organizzat il-kunċert “Inmates for ALS”. Dan il-kunċert hu organizzat fuq idea ta’ numru ta’ priġunieri residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bid-dettalji dwaru tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Faċilità stess. Il-kunċert se jsir fl-Inspire f’Marsaskala.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Bjorn Formosa, li għandu l-kundizzjoni tal-ALS u li permezz tal-flus li se jinġabru mill-kunċert, se jkompli jingħata l-għajnuna b’risq ir-riċerka.
Waqt il-kunċert “Inmates for ALS” se jindaqqu għall-ewwel darba żewġ kanzunetti miktuba minn żewġ priġunieri: Nixtieq ta’ Jonathan Coleiro u Understand ta’ Tristan.
Se jieħdu sehem diversi kantanti, fosthom Christabelle, Destiny, Chiara, Brooke, Mary Spiteri u Mike Spiteri, flimkien ma’ kantanti oħra li se jkunu akkumpanjati minn ‘band’ live taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joe Brown.
Il-kunċert ma setax ikun possibbli li kieku l-priġunieri ma sabux sostenn mill-Amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva u mill-organizazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl.
//= $special ?>