Lokali

Milħuq ftehim bejn l-Air Malta u l-ALPA

Il-Gvern ħabbar li tard ilbieraħ filgħaxija, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) laħqu ftehim dwar kwistjonijiet li kien hemm pendenti.

Fi stqarrija, intqal li l-ftehim iħares l-interessi tal-Gvern bħala l-azzjonist ewlieni tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, l-interessi tal-piloti kollha u l-ġejjieni tal-kumpanija.

Il-Gvern irringrazzja lill-ALPA għall-koperazzjoni tagħha, li tawgura tajjeb biex tiġi aċċertat il-vijabbiltà kummerċjali tal-Air Malta.

Min-naħa tagħha, l-ALPA wkoll ingħaqdet fl-awguri u rringrazzjat lil kulmin għen biex intlaħaq il-ftehim.

Sadanittant, l-istqarrija tal-Gvern ma għamlet l-ebda referenza għat-taħdidiet li għaddejjin mal-Alitalia, hekk kif suppost il-‘business plan’ hu konkluż.

Sezzjonijiet tal-media qed jirrappurtaw li wara l-ftehim bejn l-ALPA u l-Gvern, fil-jiem li ġejjin, il-Management tal-Air Malta se jkun qed jiltaqa’ mal-GWU u ma’ unions oħrajn.