Għall-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (GRTU), hemm bżonn ta’ bidla urġenti fis-sistema tal-infurzar lokali. Minkejja l-konsultazzjoni wiesgħa li saret fl-2014 u l-aġġornamenti fil-Liġi li waqqfet l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA), is-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx.
Hekk qalet il-GRTU fi stqarrija, li fiha ġie nnutat li s-sistema mhix tikkunsidra lil dawk li jieqfu għal ftit ħin biex jagħtu xi tip ta’ servizz. Dan qed jaffettwa l-produttività, billi anke jwassal għal żieda fit-traffiku u nuqqas ta’ spazju tal-parkeġġ. L-ispejjeż f’multi “irrazjonali” lanqas mhu qed jgħinu f’din is-sitwazzjoni.
Il-GRTU rreferiet ukoll għall-istqarrija maħruġa fil-jiem li għaddew mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) u mill-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ (GBC), li akkużaw lill-Gwardjani Lokali bid-“deċiżjonijiet irrazjonali” li ħadu fi tmiem il-ġimgħa li għadda f’Għawdex.
Il-GRTU qalet li għandu jiġi kkunsidrat l-impatt li dawn id-“deċiżjonijiet” iħallu fuq it-turiżmu u l-kompetittività. Sostniet li ċitazzjonijiet maħruġa b’mod sfaċċat f’dak li possibbilment hu l-aktar tmiem il-ġimgħa impenjattiv għal Għawdex żgur li ma jagħmilx ġid għat-turiżmu intern u estern ta’ Għawdex.
Il-GRTU temmet billi appellat għal soluzzjonijiet li hemm bżonn jinstabu immedjatament u li għandhom ikunu kemm flessibbli, kif ukoll prattiċi. Fl-istess waqt, appellat biex jitwaqqfu l-abbużi, għalkemm qalet li parkeġġ għal ftit ħin f’postijiet fejn ma jinħoloqx inkonvenjent jew xi forma ta’ ostaklu għandu jibda jiġi aċċettat.
//= $special ?>